Skip to main content

Culture and Creativity

Iż-żona arkeoloġika ta’ Ostia Antica (l-Italja)

Iż-żona arkeoloġika ta’ Ostia Antica tikkonsisti fil-fdalijiet ta’ insedjament Ruman li oriġinarjament kien jinsab fil-bokka tax-Xmara Tevere fuq il-kosta tal-Punent tal-Italja. Minħabba l-bidliet fil-kanal tax-xmara u fil-kosta, il-fdalijiet issa huma madwar 4 km mill-baħar. Ostia twaqqfet fis-seklu 6 qK, iżda l-ewwel fortifikazzjonijiet imorru lura għas-seklu 4. Il-funzjoni ewlenija tal-insedjament kienet oriġinarjament li jipproteġi l-bokka tax-xmara Tevere, iżda aktar tard, bil-bini ta’ port ġdid minn Klawdju u Trajanu, il-belt żviluppat f’ċentru kummerċjali attiv li nfirex lil hinn mill-ħitan tal-belt. Bħala l-port prinċipali ta’ Ruma, Ostia saret post ta’ importanza strateġika u kummerċjali kbira fiż-żona tal-Mediterran. Sal-aħħar tat-2 seklu wK, il-belt kienet għadha sejra tajjeb u kellha popolazzjoni ta’ aktar minn 50,000 ruħ. Bdiet sejra lura f’nofs it-3 seklu wK, hekk kif l-Imperu mexxa l-attenzjoni tiegħu lejn il-Lvant.

Iż-Żona Arkeoloġika ta’ Ostia Antica hi post fejn kienet tiġi ċċirkolata l-merkanzija u fejn kienu jitħalltu kulturi u reliġjonijiet differenti. Bħala l-bieb ta' aċċess għal Ruma, Ostia kienet iċ-ċentru fejn kienu jiltaqgħu nies differenti li kienu jgħixu taħt l-Imperu Ruman u post b’influwenza estensiva fuq l-art, fil-baċin tal-Mediterran kollu u lil hinn minnu. L-evidenza tal-kummerċ, tal-iskambji u tad-diversità tal-popolazzjoni għadhom jidhru sal-lum fl-artijiet tal-mużajk, fil-fdalijiet arkeoloġiċi u fl-iskrizzjonijiet tal-funerali.

OSZAR »